Dan il-blog se jieħu pawsa
Għeżież,
minn ħabba li s-surcharge u t-tariffi u l-kontijiet tad-dawl se jogħlew konsiderevolment se jkolli nibda niffranka mill-enerġija u ma nixgħelx l-internet u l-computer. B'hekk sakemm il-prezzijiet jiġu għan-normal dan il-blog se jieqaf hawn.
Il-flus frankati mill-enerġija tal-computer u ta' l-ADSL se jmorru għal air-condition. Ma nistax nifhem kif dak ir-responsabbli li faqa it-toqba ta' l-ożono u qed joqtluni bis-sħana għandu flus iżjed minni. Qed inħossni bħal ħaddiem ta' l-Air Malta. Dejjem jeħel hu.
Il-verità hija li bħalissa mħabbat b'żewġ attivitajiet li qed jehduli ħafna ħin: is-sensiela ta' 26 episodju li jiena qed nikteb għal ONE TV u l-attività teatrali ta' Bryan Muscat: "IL-MANIFEST TAL-KILLER" (MITP Theatre, Valletta) ta' Karl Schembri mtella' minn Lemonhead. Apparti minn hekk hemm ix-xogħol fejn naħdem full-time qed jiżdied bil-milli sekondi. Jekk hawn xi ħadd għandu jew jaf b'xi alternattiva għalija, onestament, napprezza jekk ikellimni bl-e-mail.
Pero` nerġa' nirritorna żgur. B'inqas qarrejja imma nerġa' niġi. Inħeġġiġkom tkomplu taraw il-blogs l-oħrajn: LISTA TAL-BLOGS MALTIN
Blogs fejn uħud jiena ma naqbilx magħhom u huma miegħi pero` dak huwa s-sabiħ tad-demokrazija.
Jista' jkun ukoll li qtajt ftit qalbi nitkellem fuq kollox. Mhux kwantu ta' ħin biss. Imma kwantu ta' soluzzjonijiet. Għax fil-verità soluzzjonijiet jiena m'għandix ħlief dik ta' Beppe Grillo u Keith Chircop: RESIT! jew RESET għax bħalissa RESITS qed nara.
Is-sajf it-tajjeb ħbieb. Tkunu tridu tiġu taraw il-Manifest tal-Killer ibgħatuli e-mail fuq info@sandrovella.org .
Is-sensiela ta' ONE TV se jkun jisimha Tracesland u se tibda tixxandar minn Ottubru 2008. Ġie magħżul Tracesland peress li Kinnie and Twistees Land ma setax jiġi aċċettat peress li Jacques kixef sormu ma' kulħadd li mhux se jivvota labour fl-elezzjoni li għaddiet. : - J'Accuse
Bħala l-aħħar parir għal dan l-istaġun nissuġġerilkom iżżuru Ta' Qali fejn qabel kien hemm il-counting hall ta' l-elezzjonijiet. Jekk jinteressakom dejjem għax għandi dubju serju. Jiena mort inżur imma m'għandix bajd u gazz biżżejjed nikteb dwar dak li żort u l-għaliex qed isir hekk. Ma jimpurtax imma, dawk il-kummentaturi li jgħajjruni u jaqlgħuli għandhom il-bajd jgħidulkom huma. Forsi jghidulkom ukoll il-hin ezatt ta' meta l-inceneratur u l-power station tal-Marsa johorgu d-dhahen taghhom meta intkom poplu habrieki tkunu qeghdin fis-sodda taraw ix-Xarabank dwar l-eurocup. Li nista' nghidilkom huwa li l-gvern sab mezz kif jelimina l-"pjaga" tal-prostituzzjoni.
Se ningħaqad magħkom ħbieb, mal-ħidma ta' 48 siegħa fil-ġimgħa traffiku eskluż.



































